Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA INTRODUTTORJA

KONFERENZA STAMPA

Mario Draghi, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 25 ta’ Ottubru 2018

Sinjuri, hu l-pjaċir tal-Viċi President u tiegħi nilqgħukhom għal din il-konferenza stampa. Issa se ngħidulkom x'ħareġ mil-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Governattiv, fejn kien preżenti wkoll il-Viċi President tal-Kummissjoni, Is-Sur Dombrovskis.

Wara l-analiżi regolari tagħna tas-sitwazzjoni ekonomika u monetarja, ħadna d-deċiżjoni li nżommu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE kif inhuma. Għadna nantiċipaw li dawn se jibqgħu fil-livelli preżenti għall-inqas tul is-sajf kollu tal-2019, u fi kwalunkwe każ, sakemm ikun meħtieġ biex niżguraw konverġenza kontinwa u sostnuta tal-inflazzjoni ma’ livelli li jkunu taħt, iżda qrib it-2% fuq żmien medju.

Għal dawk li huma miżuri straordinarji tal-politika monetarja, se nkomplu bl-akkwisti fil-programm tax-xiri ta’ assi (APP) bir-ritmu l-ġdid ta’ €15-il-biljun fix-xahar sal-aħħar ta’ Diċembru 2018. Nipprevedu li, bil-kundizzjoni li d-dejta li tasal tikkonferma l-prospetti tagħna għall-inflazzjoni fuq perijodu ta' żmien medju, aħna mbagħad inwaqqfu x-xiri nett ta’ assi. Bi ħsiebna nerġgħu ninvestu l-pagamenti ewlenin minn titoli li jimmaturaw u li jkunu nxtraw taħt l-APP għal perijodu estiż ta' żmien wara t-tmiem tax-xiri nett ta' assi, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet ta' likwidità favorevoli u livell abbondanti ta' akkomodament monetarju.

L-informazzjoni li qed tasal, għalkemm ftit iżjed dgħajfa milli mistenni, għadha ġeneralment konsistenti ma’ espansjoni kontinwa u mifruxa tal-ekonomija taż-żona tal-euro u pressjonijiet tal-inflazzjoni li qed jiżdiedu ftit ftit. Il-qawwa bażi tal-ekonomija għadha tappoġġa l-fiduċja tagħna li l-konverġenza sostnuta tal-inflazzjoni mal-għan tagħna se tkompli u se tinżamm anke wara tnaqqis gradwali fix-xiri nett ta’ assi. Fl-istess ħin, għadhom prominenti l-inċertezzi relatati mal-protezzjoniżmu, il-vulnerabbiltajiet fis-swieq emerġenti u l-volatilità tas-swieq finanzjarji. Għadu meħtieġ stimolu qawwi tal-politika monetarja biex isostni ż-żieda ulterjuri ta’ pressjonijiet fuq il-prezzijiet domestiċi u l-iżviluppi tal-inflazzjoni ġenerali fuq żmien medju. Dan is-sostenn se jibqa’ jiġi pprovdut permezz tax-xiri nett ta’ assi sal-aħħar tas-sena, permezz ta’ stokk konsiderevoli ta’ assi akkwistati u ri-investimenti assoċjati, u bis-saħħa tal-gwida mtejba tagħna dwar ir-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE għall-ġejjieni. Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill Governattiv lest biex jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu kif xieraq biex jiżgura li l-inflazzjoni tibqa’ miexja lejn l-għan tal-Kunsill Governattiv għall-inflazzjoni b’mod sostnut.

Issa se nispjega l-valutazzjoni tagħna b’iżjed reqqa, u nibda bl-analiżi ekonomika. Il-PDG reali taż-żona tal-euro żdied b’0.4% fuq bażi trimestrali, kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni trimestru tal-2018. L-informazzjoni li qed tasal, għalkemm ftit iżjed dgħajfa milli mistenni, għadha ġeneralment konsistenti max-xenarju bażi tagħna għal espansjoni ekonomika kontinwa u mifruxa, sostnuta mid-domanda domestika u minn titjib kontinwu fis-suq tax-xogħol. Xi żviluppi reċenti relatati ma’ ċerti setturi qed ikollhom impatt fuq il-profil tat-tkabbir fuq żmien qasir. Il-miżuri tagħna fil-politika monetarja għadhom qed isostnu d-domanda domestika. It-tkabbir kontinwu fl-impjiegi u l-pagi li qed jiżdiedu qegħdin iħeġġu l-konsum privat. Fl-istess ħin, l-investiment tan-negozju hu sostnut minn domanda domestika soda, kundizzjonijiet favorevoli ta’ finanzjament u profitabilità korporattiva. L-investiment fid-djar għadu robust. Barra dan, l-espansjoni fl-attività globali mistennija tibqa’ ssostni l-esportazzjoni taż-żona tal-euro, għalkemm b’rimu inqas mgħaġġel.

Ir-riskji għall-perspettiva ta' tkabbir fiż-żona tal-euro għadhom jitqiesu bħala ġeneralment ibbilanċjati. Fl-istess ħin, għadhom prominenti r-riskji relatati mal-protezzjoniżmu, il-vulnerabbiltajiet fis-swieq emerġenti u l-volatilità tas-swieq finanzjarji.

L-inflazzjoni HICP annwali taż-żona tal-euro żdiedet għal 2.1% f’Settembru 2018, minn 2.0% f’Awwissu, u dan jirrifletti prinċipalment inflazzjoni ogħla fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel. Abbażi tal-prezzijiet attwali tal-kuntratti future taż-żejt, ir-rati annwali tal-inflazzjoni ġenerali x'aktarx li jibqgħu bejn wieħed u ieħor fil-livelli attwali fix-xhur li ġejjin. Waqt li l-miżuri tal-inflazzjoni bażi jibqgħu ġeneralment dgħajfa, dawn għolew mil-livelli baxxi ta’ qabel. Il-pressjonijiet fuq l-ispejjeż domestiċi qed jiżdiedu u jinfirxu fost livelli għoljin ta’ utilizzazzjoni tal-kapaċità u skarsezza fis-swieq tax-xogħol. Ħarsa ’l quddiem turi li l-inflazzjoni bażi mistennija tiżdied lejn l-aħħar tas-sena u tkompli tiżdied aktar fuq żmien medju, bis-sostenn tal-miżuri tagħna għall-politika monetarja, l-espansjoni ekonomika kontinwa u l-pagi li qed jagħlew.

Dwar l-analiżi monetarja: it-tkabbir tal-l-aggregat monetarju wiesa’ (M3) kien ta’ 3.5% f’Settembru 2018, wara li f’Awwissu kien ta’ 3.4%. Minbarra xi volatilità fil-flussi ta’ kull xahar, it-tkabbir tal-M3 qed jiġi sostnut dejjem iżjed mill-ħolqien ta’ kreditu bankarju. L-aggregat monetarju ristrett M1 baqa' l-kontributur ewlieni għat-tkabbir monetarju wiesa’.

Iż-żieda fis-self lis-settur privat baqgħet titqawwa, u b’hekk kompliet ix-xejra ta’ żieda osservata sa mill-bidu tal-2014. Ir-rata annwali tat-tkabbir fis-self lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji żdiedet għal 4.3% f'Settembru 2018, wara li kienet ta’ 4.1% f'Awwissu, waqt li r-rata annwali tat-tkabbir fis-self lill-individwi kienet ta’ 3,1%, l-istess bħal fix-xahar ta’ qabel. L-istħarriġ dwar is-self bankarju taż-żona tal-euro għat-tielet trimestru tal-2018 jindika li t-tkabbir fis-self għadu sostnut minn domanda dejjem tiżdied fil-kategoriji kollha tas-self u minn kundizzjonijiet favorevoli tas-self bankarju għal self lill-intrapriżi u self għax-xiri ta’ djar.

It-trażmissjoni tal-miżuri tal-politika monetarja li ħadna minn Ġunju 2014 ’l hawn għadha qed issostni b’mod sinifikanti l-kundizzjonijiet tas-self lill-intrapriżi u lill-individwi, l-aċċess għall-finanzjament ‒ b'mod partikolari għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju ‒ u l-flussi ta’ kreditu fiż-żona tal-euro kollha.

Fil-qosor, kontroverifika tar-riżultati tal-analiżi ekonomika mal-indikazzjonijiet li joħorġu mill-analiżi monetarja kkonfermat li għadu meħtieġ livell abbondanti ta’ akkomodament monetarju għall-konverġenza kontinwa u sostnuta tal-inflazzjoni ma’ livelli li huma taħt, iżda qrib it-2% fuq żmien medju.

Biex jitgawdew il-benefiċċji kollha li jirriżultaw mill-miżuri tal-politika monetarja li ħadna, oqsma oħra ta’ politika għandhom jikkontribwixxu b’mod deċiżiv biex isaħħu l-potenzjal ta' tkabbir fuq żmien twil u jnaqqsu l-vulnerabbiltajiet. L-implimentazzjoni ta' riformi strutturali fil-pajjiżi taż-żona tal-euro jeħtieġ li titħaffef b’mod sostanzjali biex tiżdied il-kapaċità ta' rkupru mill-iskossi, jonqos il-qgħad strutturali u tingħata spinta lill-produttività u l-potenzjal ta' tkabbir taż-żona tal-euro. Dwar il-politika fiskali, l-espansjoni mifruxa titlob bini mill-ġdid ta' bafers fiskali. Dan hu partikolarment importanti f’pajjiżi fejn id-dejn tal-gvern hu għoli u li għalihom il-konformità mal-patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir hi kruċjali għas-salvagwardja ta’ pożizzjonijiet fiskali sodi. Bl-istess mod, l-implimentazzjoni trasparenti u konsistenti tal-qafas ta’ governanza fiskali u ekonomika tal-UE tul iż-żmien u fil-pajjiżi kollha għadha essenzjali biex issaħħaħ il-kapaċità tal-ekonomija taż-żona tal-euro biex tirkupra mill-iskossi. It-tisħiħ tal-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja għadu prijorità. Il-Kunsill Governattiv iħeġġeġ passi speċifiċi u deċiżivi biex titlesta biex l-unjoni bankarja u l-unjoni tas-swieq tal-kapital.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja