Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
Christine Lagarde
The President of the European Central Bank
Luis de Guindos
Vice-President of the European Central Bank
  • STQARRIJA TAL-POLITIKA MONETARJA

KONFERENZA STAMPA

Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE

Frankfurt am Main, 11 ta’ April 2024

Il-wara nofsinhar it-tajjeb, il-Viċi President u jien nilqgħukom għal din il-konferenza stampa.

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżomm l-istess it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE. L-informazzjoni li qed tasal ikkonfermat b’mod estensiv il-valutazzjoni preċedenti tagħna tal-perspettiva tal-inflazzjoni fuq żmien medju. L-inflazzjoni kompliet tonqos, xprunata minn inflazzjoni aktar baxxa fuq il-prezzijiet tal-ikel u tal-prodotti. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri tal-inflazzjoni prinċipali qegħdin jintreħew, iż-żieda fil-pagi qiegħda timmodera gradwalment, u d-ditti qegħdin jassorbu parti miż-żieda fil-kostijiet lavorattivi fil-profitti tagħhom. Il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament jibqgħu restrittivi u ż-żidiet fir-rati tal-imgħax fl-imgħoddi jibqgħu ta’ piż fuq id-domanda, u dan qed jgħin biex titnaqqas l-inflazzjoni. Iżda l-pressjonijiet fuq il-prezzijiet domestiċi huma b’saħħithom u qegħdin iżommu l-inflazzjoni fil-prezzijiet tas-servizzi għolja.

Aħna ddeterminati li niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna fi żmien medju ta’ tnejn fil-mija, b’mod f’waqtu. Nikkunsifraw li r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE huma fil-livelli li qegħdin jagħmlu kontribut sostanzjali għall-proċess ta’ disinflazzjoni kontinwu. Id-deċiżjonijiet futuri tagħna se jiżguraw li r-rati tal-politika tagħna se jibqgħu restrittivi biżżejjed għal sakemm ikun meħtieġ. Li kieku l-valutazzjoni aġġornata tal-ħarsa ġenerali lejn l-inflazzjoni, id-dinamiċi tal-inflazzjoni prinċipali u s-saħħa tat-trasmissjoni tal-politika monetarja kellhom iżidu ulterjorment il-fiduċja tagħna li l-inflazzjoni qiegħda tikkonverġi lejn il-mira tagħna b’mod sostenibbli, ikun xieraq li l-livell kurrenti tar-restrizzjoni tal-politika monetarja jitnaqqas. Fi kwalunkwe każ, sejrin inkomplu nsegwu approċċ dipendenti fuq id-dejta u ta’ laqgħa wara oħra sabiex niddeterminaw il-livell xieraq u d-durata tar-restrizzjoni, u ma aħniex qed nikkommettu ruħna minn qabel għal direzzjoni partikolari fir-rati.

Id-deċiżjonijiet meħuda llum huma spjegati fi stqarrija għall-istampa disponibbli fis-sit web tagħna.

Issa se niddeskrivi f’aktar dettall kif naraw li se jiżviluppaw l-ekonomija u l-inflazzjoni, u mbagħad se nispjega l-valutazzjoni tagħna tal-kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji.

Attività ekonomika

Fl-ewwel tliet xhur, l-ekonomija baqgħet dgħajfa. Filwaqt li l-infiq fuq is-servizzi huwa reżiljenti, id-ditti tal-manifattura qegħdin jiffaċċjaw domanda baxxa u l-produzzjoni għadha mnaqqsa, b’mod speċjali fis-setturi li huma intensivi fl-enerġija. Stħarriġiet jindikaw lejn irkupru gradwali matul din is-sena, xprunat mis-servizzi. Dan l-irkupru huwa mistenni li jkun appoġġat minn dħul reali li qed jiżdied, li jirriżulta minn inflazzjoni aktar baxxa, pagi ogħla u termini ta’ kummerċ imtejba. Barra minn hekk, it-tkabbir fl-esportazzjoni miż-żona tal-euro għandhom jaqbdu tul it-trimestri li ġejjin, hekk kif l-ekonomija globali tirkupra u l-infiq jaqleb ulterjorment lejn il-kummerċjabbli. Finalment, maż-żmien, il-politika monetarja għandha teżerċita inqas reżistenza għad-domanda.

Ir-rata tal-qgħad tinsab fl-iktar livell baxx tagħha sa mill-bidu tal-euro. Fl-istess ħin, l-issikkar fis-suq tax-xogħol jibqa’ jonqos gradwalment, bl-impjegaturi jippubblikaw inqas postijiet vakanti.

Il-gvernijiet għandhom ikomplu jreġġgħu lura l-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-enerġija sabiex id-disinflazzjoni tkun tista’ tipproċedi b’mod sostenibbli. L-implimentazzjoni tal-qafas ta’ governanza ekonomika rivedut tal-UE, għal kollox u mingħajr dewmien se tgħin lill-gvernijiet inaqqsu d-defiċits baġitarji u l-proporzjonijiet tad-dejn fuq bażi sostnuta. Il-politiki nazzjonali u l-politiki fiskali għandhom ikunu mmirati lejn li jagħmlu l-ekonomija aktar produttiva u kompetittiva, u dan jgħin biex jitnaqqsu l-pressjonijiet fuq il-prezzijiet fuq żmien medju. Fil-livell Ewropew, implimentazzjoni effettiva u veloċi tal-programm Next Generation EU u tisħiħ tas-Suq Uniku se jgħinu fit-tħaddin tal-innovazzjoni u fiż-żieda tal-investimenti fit-transazzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Sforzi aktar determinati u konkreti sabiex jiġu kkompletati l-unjoni bankarja u l-unjoni tas-swieq kapitali jgħinu biex jimmobilizzaw l-investiment privat massiv meħtieġ biex jintlaħaq dan, kif saħaq il-Kunsill Governattiv fid-dikjarazzjoni tiegħu tas-7 ta’ Marzu 2024.

Inflazzjoni

L-inflazzjoni kompliet tonqos, minn rata annwali ta’ 2.6 fil-mija fi Frar għal 2.4 fil-mija f’Marzu, skont l-istima preliminari tal-Eurostat. L-inflazzjoni tal-prezz tal-ikel naqset għal 2.7 fil-mija f’Marzu, minn 3.9 fil-mija fi Frar, filwaqt li l-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-enerġija kienet -1.8 fil-mija f’Marzu, wara -3.7 fil-mija fix-xahar ta’ qabel. F’Marzu, l-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-prodotti reġgħet naqset, għal 1.1 fil-mija, minn 1.6 fil-mija fi Frar. Madankollu, f’Marzu, l-inflazzjoni fil-prezzijiet tas-servizzi baqgħet għolja, fil-livell ta’ 4.0 fil-mija.

Il-biċċa l-kbira tal-miżuri tal-inflazzjoni prinċipali naqsu ulterjorment fi Frar, u dan jikkonferma l-istampa ta’ pressjonijiet fuq il-prezzijiet li qed jonqsu gradwalment. Filwaqt li l-inflazzjoni domestika tibqa’ għolja, il-pagi u l-profitti unitarji żdiedu b’mod inqas b’saħħtu milli mistenni fl-aħħar trimestru tal-2023, iżda l-kostijiet lavorattivi unitarji baqgħu għoljin, u dan parzjalment jirrifletti żieda dgħajfa fil-produttività. Indikaturi iktar reċenti jindikaw lejn moderazzjoni ulterjuri fit-tkabbir tal-pagi.

L-inflazzjoni hija mistennija li tvarja madwar il-livelli attwali fix-xhur li ġejjin u mbagħad mistennija tonqos għall-mira tagħna s-sena d-dieħla, minħabba tkabbir aktar dgħajjef fil-kostijiet lavorattivi, l-effetti li qed jiżviluppaw fil-politika monetarja restrittiva tagħna, u l-impatt li qed jgħib tal-kriżi tal-enerġija u l-pandemija. Il-miżuri tal-aspettattivi inflazzjonarji aktar fit-tul jibqgħu ġeneralment stabbli, bil-biċċa l-kbira jkunu madwar 2 fil-mija.

Valutazzjoni tar-riskji

Ir-riskji għat-tkabbir ekonomiku jibqgħu mxaqilba lejn it-tnaqqis. It-tkabbir jista’ jkun aktar baxx jekk l-effetti tal-politika monetarja jirriżultaw li huma aktar b’saħħithom milli mistenni. Ekonomija dinjija aktar dgħajfa jew tnaqqis ulterjuri fir-ritmu tal-kummerċ globali wkoll jistgħu jrażżnu t-tkabbir taż-żona tal-euro. Il-gwerra mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-kunflitt traġiku fil-Lvant Nofsani huma sorsi ewlenin ta’ riskju ġeopolitiku. Dan jista’ jwassal biex id-ditti u l-unitajiet domestiċi jsiru inqas kunfidenti dwar il-futur u li jiġi mfixkel il-kummerċ globali. It-tkabbir jista’ jkun ogħla jekk l-inflazzjoni tonqos aktar malajr milli mistenni u d-dħul reali li qiegħed jiżdied ikun ifisser li l-infiq jiżdied b’aktar milli huwa antiċipat, jew jekk l-ekonomija dinjija tikber b’mod aktar b’saħħtu milli mistenni.

Ir-riskji ta’ żieda fl-inflazzjoni jinkludu t-tensjonijiet ġeopolitiċi li qegħdin jiżdiedu, speċjalment fil-Lvant Nofsani, li jistgħu jgħollu ulterjorment il-prezzijiet tal-enerġija u n-nollijiet tal-merkanzija fuq perjodu fil-qrib u jfixklu l-kummerċ globali. L-inflazzjoni wkoll tista’ tirriżulta ogħla milli antiċipat jekk il-pagi jiżdiedu b’aktar milli huwa mistenni jew jekk il-marġni tal-profitti jirriżultaw li huma aktar reżiljenti. B’kuntrast, l-inflazzjoni tista’ tkun anqas milli mistenni jekk il-politika monetarja trażżan id-domanda aktar milli mistenni, jew jekk l-ambjent ekonomiku fil-bqija tad-dinja jmur għall-agħar b’mod mhux mistenni.

Kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji

Ir-rati tal-imgħax tas-suq ilhom stabbli sew mil-laqgħa tagħna ta’ Marzu u kundizzjonijiet tal-finanzjament usa’ jibqgħu restrittivi. Ir-rata tal-imgħax medja fuq is-self għan-negozji niżlet xi ftit għal 5.1 fil-mija fi Frar, minn 5.2 fil-mija f’Jannar. Ir-rati tas-self ipotekarju kienu 3.8 fil-mija fi Frar, minn 3.9 fil-mija f’Jannar.

Rati ta’ self li għadhom għoljin u tnaqqis assoċjat fil-pjanijiet ta’ investiment wassal lid-ditti sabiex inaqqsu ulterjorment id-domandi tagħhom għal self fl-ewwel trimestru tal-2024, kif rapportat fl-aktar stħarriġ reċenti tagħna dwar is-self mill-banek. L-istandards ta’ kreditu għal self baqgħu stretti, b’issikkar ħafif ulterjuri għas-self lil ditti u b’serħan moderat għal self ipotekarju.

F’dan l-isfond, id-dinamiċi tal-kreditu għadhom dgħajfin. Is-self tal-bank lil ditti kiber marġinalment aktar malajr fi Frar, b’rata annwali ta’ 0.4 fil-mija, ’il fuq minn 0.2 fil-mija f’Jannar. It-tkabbir fis-self lill-unitajiet domestiċi baqa’ mhux mibdul fi Frar, b’0.3 fil-mija fuq bażi annwali. L-aggregat monetarju wiesa’ – kif imkejjel minn M3 – fi Frar kiber b’rata kajmana ta’ 0.4 fil-mija.

Konklużjoni

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżomm l-istess it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE. Aħna ddeterminati li niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna fi żmien medju ta’ tnejn fil-mija, b’mod f’waqtu. Nikkunsidraw li r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE huma fil-livelli li qegħdin jagħmlu kontribut sostanzjali għall-proċess ta’ disinflazzjoni kontinwu. Id-deċiżjonijiet futuri tagħna se jiżguraw li r-rati tal-politika tagħna se jibqgħu restrittivi biżżejjed għal sakemm ikun meħtieġ. Li kieku l-valutazzjoni aġġornata tal-ħarsa ġenerali lejn l-inflazzjoni, id-dinamiċi tal-inflazzjoni prinċipali u s-saħħa tat-trasmissjoni tal-politika monetarja kellhom iżidu ulterjorment il-fiduċja tagħna li l-inflazzjoni qiegħda tikkonverġi lejn il-mira tagħna b’mod sostenibbli, ikun xieraq li l-livell kurrenti tar-restrizzjoni tal-politika monetarja jitnaqqas. Fi kwalunkwe każ, sejrin inkomplu nsegwu approċċ dipendenti fuq id-dejta u ta’ laqgħa wara oħra sabiex niddeterminaw il-livell xieraq u d-durata tar-restrizzjoni, u ma aħniex qed nikkommettu ruħna minn qabel għal direzzjoni partikolari fir-rati.

Fi kwalunkwe każ, aħna lesti li naġġustaw l-istrumenti kollha tagħna fi ħdan il-mandat tagħna biex niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna għal żmien medju u li nippreżervaw il-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja