Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

15 ta' Ġunju 2023

L-inflazzjoni qiegħda tinżel iżda hija pproġettata li tibqa' għolja wisq għal żmien twil wisq. Il-Kunsill Governattiv huwa ddeterminat li jiżgura li l-inflazzjoni terġa' lura fil-ħin għall-mira tagħha ta' 2% għal żmien medju. Għalhekk illum iddeċieda li jgħolli t-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi.

Iż-żieda fir-rata llum tirrifletti l-valutazzjoni aġġornata tal-Kunsill Governattiv tal-prospetti tal-inflazzjoni, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Skont il-projezzjonijiet makroekonomiċi ta’ Ġunju, il-persunal tal-Eurosistema jistenna li l-inflazzjoni ewlenija tkun medja ta’ 5.4% fl-2023, 3.0% fl-2024 u 2.2% fl-2025. L-indikaturi tal-pressjonijiet sottostanti tal-prezzijiet għadhom b'saħħithom, għalkemm xi wħud juru sinjali tentattivi ta' trattib. Il-persunal irreveda ’il fuq l-projezzjonijiet tagħhom għall-inflazzjoni esklużi l-enerġija u l-ikel, speċjalment għal din is-sena u s-sena d-dieħla, minħabba sorpriżi ta’ żieda tal-passat u l-implikazzjonijiet tas-suq tax-xogħol robust għall-veloċità tad-diżinflazzjoni. Issa jarawha tilħaq 5.1% fl-2023, qabel ma tonqos għal 3.0% fl-2024 u 2.3% fl-2025. Il-persunal naqqsu xi ftit il-projezzjonijiet ta’ tkabbir ekonomiku tagħhom għal din is-sena u s-sena d-dieħla. Issa jistennew li l-ekonomija tikber b'0.9% fl-2023, 1.5% fl-2024 u 1.6% fl-2025.

Fl-istess ħin, iż-żidiet fil-passat tar-rati tal-Kunsill Governattiv qed jiġu trażmessi bil-qawwa għall-kundizzjonijiet ta’ finanzjament u gradwalment qed ikollhom impatt fl-ekonomija kollha. L-ispejjeż għal min jissellef żdiedu ħafna u t-tkabbir fis-self qed jonqos. Kundizzjonijiet ta' finanzjament aktar stretti huma raġuni ewlenija għaliex l-inflazzjoni hija mbassra li tonqos aktar lejn il-mira, peress li huma mistennija li jrażżnu dejjem aktar id-domanda.

Id-deċiżjonijiet futuri tal-Kunsill Governattiv se jiżguraw li r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE jinġiebu għal livelli ristrettivi biżżejjed biex jinkiseb ritorn f’waqtu tal-inflazzjoni għall-mira ta’ 2% fuq terminu medju u jinżammu f’dawk il-livelli sakemm ikun meħtieġ. Il-Kunsill Governattiv se jkompli jsegwi approċċ dipendenti mid-data biex jiddetermina l-livell xieraq u t-tul tar-restrizzjoni. B’mod partikolari d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-politika tar-rati, se jibqgħu ddeterminati mill-valutazzjoni tiegħu tal-prospetti tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.

Il-Kunsill Governattiv jikkonferma li se jwaqqaf l-investimenti mill-ġdid taħt il-programm tax-xiri tal-assi minn Lulju 2023

Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE

Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jgħolli t-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. Għaldaqstant, ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità ta’ self marġinali u l-faċilità ta’ depożitu se jiżdiedu għal 4.00%, 4.25% u 3.50% rispettivament, b’effett mill-21 ta’ Ġunju 2023.

Programm ta’ xiri tal-assi (APP) u l-programm ta’ xiri ta’ emerġenza tal-pandemija (PEPP)

Il-portafoll tal-APP qiegħed jonqos b’ritmu meqjus u prevedibbli, billi l-Eurosistema mhux qiegħda tinvesti l-ħlasijiet prinċipali kollha mit-titoli li jimmaturaw. It-tnaqqis se jammonta għal €15-il biljun fix-xahar bħala medja sal-aħħar ta’ Ġunju 2023. Il-Kunsill Governattiv ser iwaqqaf l-investimenti mill-ġdid taħt l-APP minn Lulju 2023.

Fir-rigward tal-PEPP, il-Kunsill Governattiv fiħsiebu jinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-programm sa mill-anqas l-aħħar tal-2024. Fi kwalunkwe każ, it-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun amministrata biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.

Il-Kunsill Governattiv ser ikompli japplika flessibbiltà fl-investiment mill-ġdid ta’ tifdijiet li se jkunu dovuti fil-portafoll PEPP, bil-ħsieb li jiġu miġġielda r-riskji għall-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja relatati mal-pandemija.

Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament

Hekk kif il-banek qed iħallsu lura l-ammonti mislufa taħt l-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fit-tul immirati, il-Kunsill Governattiv se jivvaluta regolarment kif l-operazzjonijiet ta’ self immirat u l-ħlas lura kontinwu tagħhom qed jikkontribwixxu għall-pożizzjoni tal-politika monetarja tiegħu.

***

Il-Kunsill Governattiv jinsab lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu fi ħdan il-mandat tiegħu biex jiżgura li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tiegħu ta’ 2% fuq medda medja ta’ żmien u biex jiġi ppreservat il-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Barra minn hekk, l-Istrument għall-Protezzjoni tat-Trażmissjoni huwa disponibbli biex jiġġieled dinamiċi mhux ġustifikati u diżordinati tas-suq li joħolqu theddida serja għat-trażmissjoni tal-politika monetarja fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, u b’hekk jippermetti lill-Kunsill Governattiv iwettaq b’mod aktar effettiv il-mandat tiegħu ta’ stabbiltà tal-prezzijiet.

Il-President tal-BĊE se tagħti l-fehmiet tagħha fuq ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fis-14:45 CET illum.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja