Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Ġunju 2009

Kwistjonijiet operazzjonali

Modalitajiet tekniċi għall-programm tax-xiri ta’ bonds koperti

Fl-4 ta’ Ġunju 2009, il-Kunsill Governattiv iddeċieda dwar il-modalitajiet tekniċi għall-programm tax-xiri ta’ bonds koperti u denominati f’euro, li kien approva fil-prinċipju waqt il-laqgħa tiegħu tas-7 ta’ Mejju 2009. Stqarrija għall-istampa li tispeċifika l-modalitajiet ta’ dan il-programm ġiet ippubblikata fl-4 ta’ Ġunju 2009 fil-websajt tal-BĊE.

Kalendarji indikattivi għall-operazzjonijiet regolari b’offerta tal-Eurosistema u għall-perijodi taż-żamma tar-riżervi

Fit-28 ta’ Mejju 2009, il-Kunsill Governattiv approva l-kalendarji indikattivi għall-operazzjonijiet regolari b’offerta tal-Eurosistema u għall-perijodi taż-żamma tar-riżervi għall-2010 u l-2011. Id-dettalji ngħataw f’żewġ stqarrijiet għall-istampa ppubblikati fil-websajt tal-BĊE fid-29 ta’ Mejju 2009 bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Komunità.

Emendi għall-Linja Gwida tal-BĊE dwar servizzi tal-maniġġ tar-riżervi

Fit-28 ta’ Mejju 2009, il-Kunsill Governattiv adotta Linja Gwida li temenda l-Linja Gwida BĊE/2006/4 dwar il-provvediment, min-naħa tal-Eurosistema, ta’ servizzi tal-maniġġ ta’ riżervi f’euro lill-banek ċentrali u lill-pajjiżi li jinsabu barra ż-żona tal-euro u lil organizzazzjonijiet internazzjonali (BĊE/2009/11). L-emendi huma relatati ma’ (a) id-definizzjoni ta’ “riżervi” biex din tirrifletti s-sostituzzjoni tas-sistema ta’ żewġ livelli b’qafas uniku għall-kollateral eliġibbli, komuni għall-operazzjonijiet kollha ta’ kreditu tal-Eurosistema, u (b) il-lista tas-servizzi tal-Eurosistema għall-maniġġ tar-riżervi li issa tinkludi servizzi ta’ depożiti fissi abbażi tal-kapital. Il-Linja Gwida ġiet ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE fil-5 ta’ Ġunju 2009 u hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Sistemi ta’ pagament u l-infrastruttura tas-suq

Rakkomandazzjonijiet tas-SEBĊ/CESR għas-sistemi ta’ saldu tat-titoli u għall-kontropartijiet ċentrali

Fit-22 ta’ Mejju 2009, il-Kunsill Governattiv approva r-Rakkomandazzjonijiet SEBĊ/CESR għas-sistemi tas-saldu tat-titoli u għall-kontropartijiet ċentrali (CCPs). Il-Kunsill Governattiv approva wkoll id-dokument tal-kummenti li wieġbu l-kummenti li waslu tul il-konsultazzjonijiet pubbliċi rilevanti. Iż-żewġ dokumenti, li ġew komunikati lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill tal-ECOFIN u lill-Parlament Ewropew, qed jiġu ppubblikati fil-websajts tas-SEBĊ.

L-istabbiltà finanzjarja u s-superviżjoni

Qafas għall-istima tal-impatt sistemiku

Fit-18 ta’ Ġunju 2009, il-Kunsill Governattiv qies rapport, imħejji mill-Kumitat għas-Superviżjoni Bankarja, dwar l-istat tal-implimentazzjoni, fi Frar 2009, tal-qafas analitiku komuni għall-valutrazzjoni tal-impatt sistemiku ta’ kriżi finanzjarja li, skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-ECOFIN tad-9 ta' Ottubru 2007, kellu jkun stabbilit fl-Istati Membri kollha sa tmiem l-2008. Il-Kunsill Governattiv awtorizza t-trasmissjoni sussegwenti tar-rapport lill-awtoritajiet Ewropej rilevanti.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar il-Banca Naţională a României u miżuri għall-istabbiltà finanzjarja

Fis-27 ta’ Mejju 2009, fuq talba tal-Banca Naţională a României, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni għat-tisħiħ tas-setgħat ta’ rimedju fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinsabu f’qagħda mwergħa (CON/2009/48). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar leġiżlazzjoni Slovakka għall-istabbiltà finanzjarja

Fis-27 ta' Mejju 2009, fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Slovakk, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar miżuri li jtaffu t-taqlib finanzjarju (CON/2009/49). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar superviżjoni finanzjarja fil-Ġermanja

Fit-2 ta' Ġunju 2009, fuq talba tal-Ministeru Federali tal-Finanzi Ġermaniż, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar miżuri li jsaħħu s-superviżjoni finanzjarja (CON/2009/50). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-iskema Rumena għall-garanzija tad-depożiti

Fil-5 ta’ Ġunju 2009, fuq talba tal-Banca Naţională a României, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar miżuri biex tiżdied l-effikaċja tal-iskema għall-garanzija tad-depożiti (CON/2009/51). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar leġiżlazzjoni Ċeka fir-rigward taċ-ċirkolazzjoni tal-karti tal-flus u l-muniti

Fit-18 ta’ Ġunju 2009, fuq talba taċ-Česká národní banka, il-Kunsill Governattivi adotta Opinjoni dwar iċ-ċirkolazzjoni tal-karti tal-flus u l-muniti (CON/2009/52). L-Opinjoni se tiġi ppubblikata dalwaqt fil-websajt tal-BĊE.

Governanza korporattiva

Presidenza tal-Kumitat għar-Relazzjonijiet Internazzjonali (IRC)

Fl-4 ta’ Ġunju 2009, il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sur Ignazio Visco, Viċi Direttur Ġenerali tal-Banca d’Italia, bħala President tal-IRC b’effett immedjat. Il-mandat tiegħu bħala President tal-IRC jiskadi fil-31 ta’ Awwissu 2010, jiġifieri fl-istess żmien tal-iskadenza tal-mandati tal-presidenti tal-kumitati kollha tal-Eurosistema/SEBĊ, li nħatru (mill-ġdid) mill-Kunsill Governattiv fid-19 ta’ Lulju 2007 għal perijodu ta’ tliet snin.

Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni tal-Banka Slovenije

Fil-5 ta’ Ġunju 2009, il-Kunsill Governattiv adotta Rakkomandazzjoni lill-Kunsill tal-UE dwar l-awdituri esterni tal-Banka Slovenije (ECB/2009/12). Ir-Rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE fil-11 ta’ Ġunju 2009 u hi disponibbli wkoll fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja