- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
- 30 ta’ April 2020
Deċiżjonijiet tal-politika monetarja
Fil-laqgħa tal-lum il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ħa d-deċiżjonijiet li ġejjin dwar il-politika monetarja:
(1) Il-kundizzjonijiet tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament target fuq żmien itwal (TLTRO III) reġgħu ġew illaxkati. Speċifikament, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jnaqqas ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet TLTRO III tul il-perijodu minn Ġunju 2020 sa Ġunju 2021 għal 50 punt bażi taħt ir-rata tal-imgħax medja tal-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema tul l-istess perijodu. Barra dan, għall-kontropartijiet li s-self nett eliġibbli tagħhom jilħaq il-limitu tal-effiċjenza tas-self, ir-rata tal-imgħax tul il-perijodu minn Ġunju 2020 sa Ġunju 2021 issa se tkun ta’ 50 punt bażi taħt ir-rata medja tal-faċilità tad-depożitu li tkun prevalenti tul l-istess perijodu.
(2) Serje ġdida ta’ operazzjonijiet ta’ finanzjament barra t-target fuq żmien itwal relatati mal-emerġenza pandemica (PELTROs) se titmexxa biex issostni l-kundizzjonijiet tal-likwidità fis-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro u tikkontribwixxi biex jinżamm il-funzjonament bla xkiel tas-swieq monetarji permezz tal-provvista ta’ likwidata meħtieġa. Il-PELTROs jikkonsistu minn seba’ operazzjonijiet ta’ finanzjament addizzjonali li jibdew f’Mejju 2020 u jimmaturaw f’sekwenza ta’ stadji bejn Lulju u Settembru 2021 skont kemm idumu l-miżuri tal-illaxkar tal-kollateral. Dawn se jsiru bħala proċedura ta’ sejħa b’rata fissa u b’allokamnet sħiħ, b’rata ta’ imgħax ta’ 25 punt bażi taħt ir-rata medja tal-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament li tkun prevalenti tul il-validità ta’ kull PELTRO.
(3) Mill-aħħar ta’ Marzu, ix-xiri sar skont il-programm ġdid ta’ xiri tal-Kunsill Governattiv relatat mal-emerġenza pandemika (PEPP), li jammonta għal €750 biljun, biex jillaxka l-orjentament tal-politika monetarja u biex jilqa’ għar-riskji gravi li jolqtu l-mekkaniżmu tat-trażmissjoni tal-politika monetarja u l-prospetti għaż-żona tal-euro affettwati mill-pandemija tal-coronavirus. Dan ix-xiri se jibqa’ jsir b’mod flessibbli tul iż-żmien, fil-klassijiet kollha ta’ assi u fost il-ġurisdizzjonijiet kollha. Il-Kunsill Governattiv se jmexxi xiri nett ta’ assi taħt il-PEPP sakemm jara li l-fażi kritika tal-coronavirus tkun għaddiet, iżda fi kwalunkwe każ sal-aħħar ta’ din is-sena.
(4) Barra minn hekk, ix-xiri nett taħt il-programm tax-xiri ta’ assi (APP) se jibqa’ jsir f’ammont ta’ kull xhar ta’ €20 biljun flimkien max-xiri taħt il-pakkett temporanju ta’ €120 biljun sal-aħħar tas-sena. Il-Kunsill Governattiv jibqa’ jistenna li x-xiri nett ta’ assi ta’ kull xahar taħt l-APP jibqa’ jsir għal kemm ikun meħtieġ biex jissaħħaħ l-impatt tal-akkomodament tar-rati tal-politika tiegħu, u li jintemm ftit qabel ma jerġa’ jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE.
(5) Se jibqa’ jsir ir-ri-investiment tal-ħlasijiet ewlenin kollha li jidħlu mit-titoli li jimmaturaw u li jkunu nxtraw taħt l-APP, għal perijodu estiż ta’ żmien wara d-data meta l-Kunsill Governattiv jerġa’ jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet favorevoli ta’ likwidità u livell abbondanti ta’ akkomodament monetarju.
(6) Ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċiltà tas-self marġinali u l-faċilità tad-depożitu se jibqgħu kif kienu fil-livell ta’ 0.00%, 0.25% u -0.50% rispettivament. Il-Kunsill Governattiv jistenna li r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE jibqgħu fil-livelli attwali tagħhom jew jitbaxxew sakemm jara li l-prospetti tal-inflazzjoni jkunu f’livell konverġenti b’mod ċar u li jkunu qrib biżżejjed, iżda taħt it-2% fil-perijodu tat-tbassir tiegħu, u din il-konverġenza tkun ġiet riflessa b’mod konsistenti fid-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti.
Il-Kunsill Governattiv lest iżid id-daqs tal-PEPP u li jaġġusta l-kompożizzjoni tiegħu, b’kemm ikun meħtieġ u għat-tul ta’ żmien meħtieġ. Fi kwalunkwe każ, jinsab lest li jaġġusta l-istrumenti tiegħu kollha, kif xieraq, biex jiżgura li l-inflazzjoni tersaq lejn l-għan tiegħu b’mod sostnut, skont l-impenn tiegħu favur is-simetrija.
Aktar dettalji dwar l-emendi li saru fit-termini tat-TLTRO III u dwar il-PELTROs il-ġodda se jiġu pubblikati fi stqarrijiet għall-istampa speċifiċi llum wara nofsinhar fit-15:30 CET.
Il-President tal-BĊE se tikkummenta dwar il-kunsiderazzjonijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet waqt konferenza stampa li tibda fis-14:30 CET illum.
Għall-kliem eżatt miftieħem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja