Tagħrif ta’ kull sitt xhur dwar karti tal-euro foloz
Il-karti tal-euro foloz jonqsu fl-ewwel nofs tal-2015 – it-total jibqa’ żgħir ħafna
- 454,000 karta tal-euro falza tneħħew miċ-ċirkolazzjoni fl-ewwel nofs tal-2015
- 86% tal-karti tal-flus foloz huma tal-€20 u l-€50
- Il-karti kollha tal-euro jistgħu jiġu ċċekkjati faċilment bil-metodu “ħoss, ħares u mejjel”
- Il-karti tal-euro jibqgħu mezz ta’ ħlas fdat u sigur
Fl-ewwel nofs tal-2015, tneħħew miċ-ċirkolazzjoni 454,000 karta falza tal-euro – tnaqqis ta’ 10.5% miċ-ċifra għat-tieni nofs tal-2014 iżda żieda fuq l-ewwel nofs tal-2014. It-total ta’ karti tal-flus foloz jibqa’ żgħir ħafna meta jitqabbel mal-għadd ta’ karti tal-flus tajbin fiċ-ċirkolazzjoni li kulma jmur qiegħed jiżdied (aktar minn 17-il biljun fl-ewwel nofs tal-2015).
Hawn taħt jidhru ċ-ċifri għal kull sitt xhur:
Perjodu |
2012/1 | 2012/2 | 2013/1 | 2013/2 | 2014/1 | 2014/2 | 2015/1 |
Total ta’ karti tal-flus foloz |
251,000 | 280,000 | 317,000 | 353,000 | 331,000 | 507,000 | 454,000 |
Minn kemm ilha li ħarġet l-ewwel sensiela ta’ karti tal-euro, l-Eurosistema – i.e. il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro – dejjem ħeġġet lill-pubbliku joqgħod attent meta jiġu f’idejh karti tal-flus. Il-karti tal-flus tajbin jintgħarfu faċilment bil-metodu sempliċi “ħoss, ħares u mejjel” imfisser fil-paġni dwar l-euro fil-websajts tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema.
Jekk tiġi f’idejk karta tal-flus dubjuża, tista’ tqabbilha ma’ waħda li tkun taf li hija tajba. Jekk tikkonferma d-dubji, ikkuntattja l-pulizija jew il-bank ċentrali ta’ pajjiżek, skont il-prattika nazzjonali. L-Eurosistema tappoġġa lill-aġenziji li jinfurzaw il-liġi fil-ġlieda tagħhom kontra l-falsifikazzjoni.
L-Eurosistema għandha dmir tissalvagwarda l-integrità tal-karti tal-euro u tkompli ttejjeb it-teknoloġija tal-produzzjoni tal-karti tal-flus. Is-sensiela Europa hija ddisinjata biex il-karti tal-flus ikunu aktar siguri u biex tgħin lill-pubbliku jżomm il-fiduċja tiegħu fil-munita.
Hawn taħt tidher analiżi skont id-denominazzjonijiet tal-karti tal-flus foloz li tneħħew miċ-ċirkolazzjoni fl-ewwel nofs tal-2015.
Denominazzjoni |
€5 | €10 | €20 | €50 | €100 | €200 | €500 |
Analiżi perċentwali |
1.5% | 2.4% | 54.7% | 31.3% | 8.5% | 1.1% | 0.5% |
F’dan il-perjodu:
- Il-karti tal-€20 u l-€50 baqgħu l-aktar denominazzjonijiet li ġew iffalsifikati. Imqabbel maċ-ċifri rrappurtati għat-tieni nofs tal-2014, il-proporzjon ta’ karti foloz tal-€20 naqas bi ftit filwaqt li dak tal-karti foloz tal-€50 żdied. Flimkien, kienu jgħoddu 86% tat-total ta’ karti tal-flus foloz.
- Il-biċċa l-kbira (97.9%) tal-karti tal-flus foloz instabet fil-pajjiżi taż-żona tal-euro. Madwar 1.6% biss instabu fi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li mhumiex fiż-żona tal-euro u anqas minn 0.5% instabu f’partijiet oħra tad-dinja.
L-Eurosistema tikkomunika b’diversi modi biex tgħin lin-nies jagħrfu l-karti tal-flus tajbin minn dawk foloz, u biex tgħin lill-kaxxiera professjonali jaċċertaw ruħhom li l-magni li jipproċessaw il-karti tal-flus huma kapaċi jidentifikaw b’mod affidabbli u jneħħu l-karti tal-flus foloz miċ-ċirkolazzjoni. Il-manifatturi u l-fornituri tal-apparat li jipproċessa l-karti tal-flus se jkomplu jsibu l-għajnuna tal-Eurosistema biex jadattaw il-magni u t-tagħmir tagħhom għall-karti tal-flus tas-sensiela Europa. Jekk l-apparat tagħhom jibqa’ ma jaċċettax dawn il-karti tal-flus, l-operaturi u s-sidien għandhom jikkuntattjaw lill-fornituri jew lill-manifatturi tagħhom mill-aktar fis.
Il-karta l-ġdida tal-€20 se toħroġ fil-25 ta’ Novembru 2015.
Aktar tagħrif dwar il-karti tal-euro jinsab hawn www.ecb.europa.eu/euro u hawn www.karti-godda-tal-euro.eu.
Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, il-persuna ta’ kuntatt hija Rocío González (+49 69 1344 6451).
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja