Il-karta ta’ €5 tas-Sensiela Europa toħroġ fit-2 ta’ Mejju 2013
L-Eurosistema, magħmula mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-pajjiżi taż-żona tal-euro, temmet it-tħejjijiet għall-ħruġ tal-karta l-ġdida ta’ €5, l-ewwel karta tal-flus fis-sensiela Europa. Il-karta l-ġdida se tinħareġ bil-mezzi tradizzjonali, i.e. permezz tal-kaxxiera tal-banek u l-magni awtomatiċi tal-flus (ATM) fiż-żona tal-euro kollha mit-2 ta’ Mejju 2013. Il-karti tal-€5 tal-ewwel sensiela se jkomplu jiċċirkolaw flimkien mal-karti tal-flus il-ġodda iżda għandhom jiġu rtirati gradwalment. Id-data ta’ meta ma jibqgħux iktar valuta legali titħabbar minn żmien sew qabel. Anki wara din id-data, il-karti tal-flus tal-ewwel sensiela se jibqgħu jżommu l-valur tagħhom u jistgħu jissarrfu fil-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro għal żmien indefinit.
Il-karta ta’ €5 tas-sensiela Europa bbenefikat mill-avvanzi li saru fit-teknoloġija tal-karti tal-flus minn wara d-dħul tal-ewwel sensiela aktar minn għaxar snin ilu. Għandha karatterisitiċi ta’ sigurtà ġodda u sar titjib f’xi karatteristiċi oħra. Il- watermark u l-ologramma juru xbieha ta’ wiċċ Europa, figura tal-mitoloġija Griega li tat isimha lil din is-sensiela ta’ karti tal-flus. “Numru aħdar żmerald” li jolqot l-għajn jibdel il-kulur minn aħdar żmerald għal blu skur u juri effett bid-dawl miexi ’l fuq u ’l isfel. Persuni neqsin mid-dawl jistgħu jagħrfu l-karta tal-flus faċilment permezz ta’ linji qosra mqabbżin li jinsabu mat-truf tax-xellug u tal-lemin. Dawn il-karatteristiċi ta’ sigurtà jinsabu fuq in-naħa ta’ quddiem tal-karta l-ġdida u jistgħu jiġu ċċekkjati malajr bil-metodu “ħoss, ħares u mejjel”. Huwa maħsub li l-karatteristiċi ta’ sigurtà jiddaħħlu fil-karti tal-flus kollha tas-sensiela Europa.
Sabiex il-pubbliku jsir jaf aktar dwar il-karta tal-flus il-ġdida, inħadem filmat bl-isem: “L-Euro – Flusna”. Il-filmat jinsab bi 22 lingwa tal-Unjoni Ewropea fil-websajt tal-BĊE kif ukoll fis-sit wiccgdidtaleuro flimkien ma’ tagħrif ieħor aktar ġenerali dwar il-karti tal-flus tal-euro.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja