Tagħrif ta’ kull sitt xhur dwar il-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro
Fit-tieni nofs tal-2011 tneħħa miċ-ċirkolazzjoni total ta’ 310,000 karta tal-euro falza. Dan juri li l-kwantità ta’ karti tal-flus foloz li tneħħiet miċ-ċirkolazzjoni fl-2011 kienet 19.3% anqas meta titqabbel maċ-ċifri tal-2010. Fl-istess ħin kien hemm żieda ta’ 4.7% fejn tidħol il-kwantità miġbura fit-tieni nofs tal-2011 meta titqabbel mas-sitt xhur ta’ qabel.
It-tabella ta’ hawn taħt turi x-xejra kull sitt xhur fl-għadd ta’ karti tal-flus foloz miġbur.
Perjodu | 2008/2 | 2009/1 | 2009/2 | 2010/1 | 2010/2 | 2011/1 | 2011/2 |
Għadd ta’ karti tal-flus foloz | 354,000 | 413,000 | 447,000 | 387,000 | 364,000 | 296,000 | 310,000 |
Meta jitqabbel mal-għadd ta’ karti tal-flus tal-euro ġenwini fiċ-ċirkolazzjoni (medja ta’ 14.4 biljun fit-tieni nofs tal-2011) il-proporzjon tal-karti tal-flus foloz għadu baxx ħafna.
Madankollu l-Eurosistema – jiġifieri l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u s-17-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro – tibqa’ twissi lill-pubbliku biex joqgħod attent fejn jidħlu l-karti tal-flus li jgħaddu għal għandu minn tranżazzjonijiet bi flus kontanti. Il-karti tal-flus ġenwini jingħarfu faċilment permezz tat-test “ĦOSS-ĦARES-MEJJEL” imfisser fil-paġni dwar l-euro fil-websajt tal-BĊE u fil-websajts tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema. Madankollu, f’każ ta’ dubju, karta tal-flus li tqajjem suspett għandha titqabbel direttament ma’ waħda li żgur tkun ġenwina. Kull min jissuspetta li jkollu xi karta tal-flus falza għandu jikkuntattja jew lill-pulizija jew – fejn il-prattika nazzjonali tippermetti – lill-bank ċentrali nazzjonali tal-pajjiż.
It-tabella ta’ hawn taħt tagħti analiżi perċentwali skont id-denominazzjoni tal-għadd totali tal-karti tal-flus foloz li tneħħa miċ-ċirkolazzjoni fit-tieni nofs tal-2011.
Denominazzjoni | €5 | €10 | €20 | €50 | €100 | €200 | €500 |
Analiżi perċentwali | 0.5% | 1.0% | 47.5% | 32.5% | 16.0% | 2.0% | 0.5% |
Id-denominazzjonijiet li l-aktar jiġu ffalsifikati huma dawk ta’ €20 u €50. Fis-sitt xhur li għaddew il-proporzjon tal-karti ta’ €20 foloz żdied waqt li dak tal-karti ta’ €50 naqas. Dawn iż-żewġ denominazzjonijiet flimkien iġibu 80.0% tat-total tal-karti tal-flus iffalsifikati fit-tieni nofs tal-2011. Il-karta ta’ €100 tinsab it-tielet fil-lista ta’ denominazzjonijiet iffalsifikati b’16.0% tat-total. Il-proporzjon tad-denominazzjonijiet l-oħra (€5, €10, €200 u €500) hu baxx ħafna.
Il-biċċa l-kbira (97.5%) tal-karti tal-flus foloz miġbura fit-tieni nofs tal-2011 instabet f’pajjiżi taż-żona tal-euro, waqt li madwar 2.0% biss instabu fi Stati Membri tal-UE barra ż-żona tal-euro u 0.5% nstabu f’partijiet oħra tad-dinja.
L-Eurosistema tagħmel sforz kbir biex tiżgura li l-pubbliku jkun mgħarraf sew dwar kif jagħraf karta tal-flus falza u, fil-każ tal-professjonisti li jmexxu l-flus kontanti, li l-magni li jimmaniġġaw u jipproċessaw il-karti tal-flus jagħrfu tajjeb u jneħħu l-karti tal-flus foloz miċ-ċirkolazzjoni.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja