Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Novembru 2022

2 ta' Diċembru 2022

Operazzjonijiet tas-suq

Id-disponibbiltà tal-faċilità repo temporanja tal-Eurosistema għall-banek ċentrali (EUREP) estiża lil hinn minn Jannar 2023

Fit-8 ta’ Novembru 2022 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jestendi d-disponibbiltà tal-qafas tal-EUREP (bħalissa se jiskadi fil-15 ta’ Jannar 2023) sal-15 ta’ Jannar 2024, abbażi tal-konklużjoni li l-provvista ta’ linji ta’ likwidità tal-euro ta’ protezzjoni permezz tal-EUREP kienet għadha ġġustifikata minn perspettiva ta’ politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv ikkonferma wkoll id-disponibbiltà tiegħu li jżomm il-linji ta’ swap u repo temporanji eżistenti kollha ma’ banek ċentrali mhux fiż-żona tal-euro sal-15 ta’ Jannar 2024. Aktar dettalji fuq il-linji ta’ likwidità huma disponibbli fis-sit web tal-BĊE.

Reviżjoni tal-limitu għall-kollateral fi flus kontanti fis-self ta' titoli

Fid-9 ta’ Novembru 2022 il-Kunsill Governattiv iddeċieda, fid-dawl tad-domanda addizzjonali possibbli għal kollateral ta’ kwalità għolja fl-aħħar tas-sena, li jżid il-limitu ġenerali għas-self ta’ titoli kontra kollateral fi flus kontanti taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi u l-programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika minn €150 biljun għal €250 biljun. Id-deċiżjoni ġiet ikkomunikata permezz ta’ aġġornament fuq is-siti web rispettivi tas-self tat-titoli tal-membri tal-Eurosistema u hija disponibbli wkoll fuq is-sit web tal-BĊE.

Politika makroprudenzjali u stabbiltà finanzjarja

Dikjarazzjoni tal-Kunsill Governattiv dwar politiki makroprudenzjali

Fit-28 ta' Ottubru 2022 il-Kunsill Governattiv approva dikjarazzjoni dwar il-politiki makroprudenzjali. Id-dokument jinsab fis-sit web tal-BĊE.

Il-Financial Stability Review – Novembru 2022

Fid-9 ta’ Novembru 2022 il-Kunsill Governattiv ddiskuta kwistjonijiet ta’ stabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro fuq il-bażi tal-edizzjoni ta’ Novembru 2022 tal-Financial Stability Review (Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja) u awtorizza l-pubblikazzjoni tagħha fuq is-sit web tal-BĊE. Din l-edizzjoni tistabbilixxi kif id-deterjorament fil-kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji żied ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro. Ir-rapport u l-istqarrija għall-istampa dwaru ġew ippubblikati fis-sit web tal-BĊE fis-16 ta’ Novembru 2022.

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Emendi għad-dokumentazzjoni legali relatata mat-TARGET

Fid-9 ta’ Novembru 2022, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2022/38 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2022/911 dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tat-TARGET-ECB u l-Linja Gwida BĊE/2022/39 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2022/912 dwar il-ġenerazzjoni ġdida tas-sistema ta’ Trans-European Automated Real-time Gross Settlement Express Transfer system (TARGET). L-atti legali kellhom jiġu emendati minħabba d-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-20 ta’ Ottubru 2022 biex terġa’ tiġi skedata t-tnedija tas-sistema ġdida ta’ saldu gross f’ħin reali u l-mudell ċentrali ta’ ġestjoni tal-likwidità tagħha, T2, mill-21 ta’ Novembru 2022 sal-20 ta’ Marzu 2023.

Aġġornament regolari tad-dokumentazzjoni fuq il-mudell ta’ bank ċentrali korrispondenti (CCBM)

Fl-10 ta' Novembru 2022 il-Kunsill Governattiv approva tibdil fid-dokumentazzjoni tas-CCBM u awtorizza l-pubblikazzjoni tal-verżjonijiet aġġornati tad-dokumenti li ġejjin:

  • Mudell ta’ attività bankarja ċentrali korrispondenti (CCBM) – Proċeduri għall-kontropartijiet tal-Eurosistema
  • Anness tekniku dwar l-informazzjoni tas-CCBM għall-kontropartijiet – Sommarju tal-istrumenti legali użati fiż-żona tal-euro.

Iż-żewġ dokumenti huma disponibbli fit-taqsima CCBM tas-sit web tal-BĊE.

Eżerċizzju annwali ta' klassifikazzjoni tas-sistemi ta' ħlas taż-żona tal-euro

Fis-17 ta' Novembru 2022 il-Kunsill Governattiv approva l-eżitu tal-eżerċizzju ta' klassifikazzjoni għal sistemi ta' ħlas ibbażat fuq data għas-snin ta' referenza 2020 u 2021 u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu. Informazzjoni relatata dalwaqt se jkunu disponibbli fis-sit web tal-BĊE.

Opinjonijiet fuq il-leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar l-impożizzjoni ta' imposti temporanji fuq ċerti istituzzjonijiet ta' kreditu

Fit-2 ta’ Novembru 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/36 wara t-talba minn Banco de España, f’isem il-Parlament Spanjol.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-iskema Slovena għall-konverżjoni f'euro ta' karti tal-flus hryvnia miżmuma minn persuni spostati mill-Ukraina

Fit-3 ta’ Novembru 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/39 wara t-talba mill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tas-Slovenja.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-ħlasijiet tad-dividendi, ir-rikapitalizzazzjoni u r-rimborż tal-Magyar Nemzeti Bank

Fl-10 ta’ Novembru 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/37 wara t-talba tal-Ministeru tal-Finanzi Ungeriż.

Opinjoni tal-BĊE dwar kumpaniji li jisilfu l-flus għall-bini

Fl-10 ta’ Novembru 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/38 wara t-talba tal-Marixxall tal-Parlament Pollakk.

Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għall-Att dwar il-Magyar Nemzeti Bank

Fit-28 ta’ Novembru 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/40 wara t-talba tal-Ministeru tal-Finanzi Ungeriż.

Opinjoni tal-BĊE dwar is-sjieda ta’ entità bi skop speċjali għall-manifattura ta’ karti tal-flus tal-euro

Fid-29 ta’ Novembru 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/41 wara t-talba tal-Ministeru Spanjol tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni Pubblika.

Governanza korporattiva

Divulgazzjoni ta' deliberazzjonijiet relatati mal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-BĊE dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-BĊE

Fil-31 ta' Ottubru 2022 il-Kunsill Governattiv awtorizza d-divulgazzjoni ta' siltiet tal-eżitu tad-deliberazzjonijiet mill-korpi deċiżjonali tal-BĊE u l-Kumitat Legali tal-Eurosistema/SEBĊ (LEGCO) relatati mal-adozzjoni tad-Deċiżjoni BĊE/2004/3 dwar aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-BĊE. Is-siltiet saru disponibbli għall-pubbliku permezz tar-Reġistru Pubbliku tad-Dokumenti tal-BĊE.

Statistika

Rapport annwali tal-2021 dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni statistika individwali miġbura mill-BĊE, assistit mill-banek ċentrali nazzjonali

Fl-10 ta’ Novembru 2022 il-Kunsill Governattiv, bil-benefiċċju ta’ osservazzjonijiet mill-membri tal-Kunsill Ġenerali, approva r-rapport tal-2021 bit-titlu “Protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-istatistika fis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ)” u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu. Ir-rapport jinsab fis-sit web tal-BĊE.

Karti tal-flus u muniti

Deċiżjonijiet dwar il-volum ta’ ħruġ ta’ muniti fl-2022 u l-2023

Fit-8 ta’ Novembru 2022 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2022/40 dwar l-approvazzjoni tal-volum ta’ ħruġ ta’ muniti fl-2023 u d-Deċiżjoni BĊE/2022/41 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2021/2255 dwar l-approvazzjoni tal-volum ta’ ħruġ ta’ muniti fl-2022. Il-volum ta’ ħruġ ta’ muniti fl-2022 kellu jiġi emendat bi tweġiba għal talbiet li waslu minn diversi banek ċentrali taż-żona tal-euro għal approvazzjoni ad hoc ta’ volumi addizzjonali.

Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Rapport tematiku tal-2022 dwar ir-riskji klimatiċi u ambjentali

Fil-31 ta' Ottubru 2022 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jippubblika rapport dwar ir-riżultati ta' analiżi tematika dwar riskji relatati mal-klima u ambjentali u l-kompendju ta’ prattiki tajbin. L-istqarrija għall-istampa relatata tinsab fis-sit tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE.

Pubblikazzjoni ta’ dokument ta’ divulgazzjoni mill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami (ABoR) dwar tmien snin ta’ esperjenza fir-reviżjoni ta’ deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE

Fil-21 ta’ Novembru 2022 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jippubblika dokument ta’ divulgazzjoni mill-ABoR dwar tmien snin ta’ esperjenza fir-rieżami tad-deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE. Id-dokument ma jdumx ma jidher fis-sit web tal-BĊE.

Konformità mal-Linji Gwida tal-EBA dwar il-benchmarking tal-prattiki tar-rimunerazzjoni u dwar il-ġbir tad-data dwar persuni li jaqilgħu pagi għoljin

Fid-29 ta’ Novembru 2022 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-EBA li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE jikkonforma mal-Linji Gwida tal-EBA dwar l-eżerċizzji ta’ benchmarking dwar il-prattiki ta’ rimunerazzjoni, id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u l-proporzjonijiet ogħla approvati skont id-Direttiva 2013/36/UE (EBA/GL/2022/06) u l-Linji Gwida tal-EBA dwar l-eżerċizzji ta’ ġbir ta’ data fir-rigward ta’ persuni li jaqilgħu pagi għoljin skont id-Direttiva 2013/36/UE u skont id-Direttiva (UE) 2019/2034/UE (EBA/GL/2022/08).

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja