Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Il-komunikazzjoni tal-politika monetarja u r-reviżjoni tal-istrateġija

Dak li jgħidu l-banek ċentrali jista’ jaffettwa s-swieq, l-ekonomija u l-ħajja tan-nies. Il-komunikazzjoni mal-bank ċentrali saret għodda ta’ politika f’dawn l-aħħar snin. Il-BĊE jeħtieġ li jinftiehem mis-swieq u l-esperti, iżda wkoll mill-pubbliku ġenerali sabiex in-nies ikun jista’ jkollhom fiduċja fl-istituzzjoni u l-politiki tagħha.

Bħala riżultat tar-reviżjoni tal-istrateġija, il-Kunsill Governattiv qabel dwar l-immodernizzar tal-komunikazzjoni tal-politika monetarja tiegħu, sabiex jilħaq udjenzi aktar wesgħin, u biex is-smigħ ikun karatteristika regolari tal-komunikazzjoni tiegħu.

Għaliex il-komunikazzjoni tal-politika monetarja kienet parti mir-reviżjoni tal-istrateġija tagħna?

Il-kliem jistaʼ jkollu effetti qawwija

Dak li jgħidu l-banek ċentrali jista’ jkollu impatt qawwi fuq is-swieq, l-ekonomija u l-ħajja tan-nies. Huwa għalhekk li l-banek ċentrali joqogħdu attenti ħafna għal-lingwa li jużaw.

L-importanza tal-kredibbiltà, iċ-ċarezza u l-konsistenza

Sabiex ikunu effettivi, il-banek ċentrali għandhom ikunu kredibbli. U biex ikunu kredibbli, il-banek ċentrali jridu jgħidu x’jagħmlu, u jagħmlu dak li jgħidu. Il-komunikazzjoni tagħna jeħtieġ li jkollha ċarezza u konsistenza. Iċ-ċarezza ma tfissirx neċessarjament li nitkellmu aktar. Wisq vuċijiet, li jitkellmu fl-istess ħin, jistgħu fil-fatt joħolqu konfużjoni. Iċ-ċarezza tfisser sempliċiment li nagħtu messaġġ ċar dwar dak li biħsiebna nagħmlu. Dan il-messaġġ għandu jkun konsistenti, u għandu jkun rifless fl-azzjonijiet tagħna.

Il-komunikazzjoni hi għodda importanti tal-politika monetarja

Pjan direzzjonali għal passi ta’ politika fil-ġejjieni

Minħabba li l-kliem huwa daqshekk importanti u jista’ jkollu effetti reali fl-ekonomija, il-komunikazzjoni saret “għodda” tal-politika monetarja. Pereżempju, billi nħallu s-swieq ikunu jafu fejn nistennew li r-rati tal-imgħax ikunu fil-futur, nistgħu nġibu magħhom bidla fil-prezz tas-self għan-negozji u n-nies. L-esperti jsejħu dan “gwida ’l quddiem”.

Aħseb dwar il-gwida ’l quddiem bħala pjan direzzjonali b’rotot differenti mmarkati għall-passi li jmiss tal-politika monetarja. Is-swieq jużaw dan il-pjan direzzjonali, flimkien ma’ informazzjoni ġdida dwar l-ekonomija, biex jaraw jekk hux se nibqgħu mexjin fit-triq imħabbra tagħna, jew jekk ikunx hemm rotta oħra li x’aktarx se nieħdu. B’dan il-mod, il-gwida ’l quddiem tista’ tnaqqas l-inċertezza dwar il-futur.

Komunikazzjoni tajba hija inklużiva

Inkunu ċerti li qed jifhmuna

Il-banek ċentrali, inkluż il-BĊE, jikkomunikaw ħafna mas-swieq, mal-esperti u mal-midja speċjalizzata. Dawk jeħtieġu informazzjoni preċiża ħafna u spiss kumplessa u teknika, li tista’ ma tinftiehemx faċilment mill-biċċa l-kbira tan-nies.

Irridu nagħmlu xogħol aħjar biex nilħqu n-nies u n-negozji minħabba li l-imġiba tagħhom hija importanti għall-politika monetarja. Il-mod kif jonfqu u jinvestu llum, u jistennew li l-ekonomija tiżviluppa għada, jista’ jaffettwa l-kompitu tagħna li l-prezzijiet jinżammu stabbli.

Il-komunikazzjoni tgħin lin-nies jifhmu aħjar x’nagħmlu. U dan jgħin ukoll biex tinbena l-fiduċja. Il-fiduċja tfisser li n-nies għandhom fiduċja f’dak li ngħidu u nagħmlu. Dan jagħmel il-politika monetarja tagħna aktar effettiva. Imma mhux biss: il-fiduċja hija importanti speċjalment għax aħna istituzzjoni indipendenti. Jeħtieġ li nispjegaw b’mod ċar ħafna x’qed nagħmlu biex nilħqu l-għan tagħna biex nibqgħu responsabbli lejn il-poplu u r-rappreżentanti eletti tiegħu.

Huwa għalhekk li l-Kunsill Governattiv qabel li jimmodernizza l-komunikazzjoni tagħna u jagħmilha aktar komprensibbli.

Il-BĊE kif se jbiddel il-komunikazzjoni tiegħu?

Qed nisimgħu

Ir-reviżjoni tal-istrateġija kienet opportunità kbira biex jiġi esplorat kif jista’ jitjieb il-mod kif nikkomunikaw il-politika monetarja tiegħu mas-swieq u mal-pubbliku ġenerali.

Mod tajjeb ħafna biex niżguraw li qed nifthemu sew hu billi nibdlu l-komunikazzjoni tagħna f’konverżazzjoni. Matul l-Avvenimenti ta’ Smigħ, tagħna, smajna u ddiskutejna t-tħassib tas-soċjetà ċivili u n-nies inġenerali.

Billi tgħallimna direttament min-nies dwar it-tħassib tagħhom u x’jistennew mill-bank ċentrali tagħhom espandejna l-perspettiva tagħna dwar kif inwettqu l-politika tagħna. Huwa għalhekk li qed nagħtu widen b’mod regulari fil-komunikazzjoni tagħna. Qed nistennew bil-ħerqa li nkomplu l-konverżazzjoni. Nittamaw li inti wkoll.

Irridu nispjegaw aħjar

Se nagħmlu sforzi akbar biex nispjegaw il-politika monetarja tagħna f’termini inqas tekniċi u li jinftiehmu, sabiex in-nies ikunu jistgħu jaraw għaliex qegħdin nieħdu d-deċiżjonijiet tagħna u xi jfisser għal ħajjithom. Dan se jgħin biex tkompli tinbena l-fiduċja tan-nies f’dak li nagħmlu.

KOMPLI AQRA
Ċari, konsistenti u involuti: Komunikazzjoni tal-BĊE dwar il-politika monetarja f’dinja li qed tinbidel
REVIŻJONI TAL-ISTRATEĠIJA
Trid aktar informazzjoni?