X’inhi T2?
24 ta' Lulju 2025
T2 hija sistema ta’ pagamenti tal-Eurosistema u operata minnha. Hija l-pjattaforma Ewropea ewlenija għall-ipproċessar ta’ pagamenti b’valur kbir u tintuża kemm minn banek ċentrali kif ukoll minn banek kummerċjali biex jipproċessaw pagamenti bl-euro f’ħin reali.
X’inhuma sistemi ta’ ħlas?
L-ekonomiji moderni jibbażaw fuq tranżazzjonijiet sikuri u effiċjenti. Is-sistemi ta’ pagament jipprovdu l-infrastruttura li tippermetti li l-istruzzjonijiet u l-flus f’dawn it-tranżazzjonijiet jgħaddu fl-ekonomija kollha. T2 hija sistema ta’ pagament li l-banek fl-UE jużaw biex jittrasferixxu flus bejniethom f’ħin reali. Hija magħrufa bħala pagament gross f’ħin reali (real-time gross settlement – RTGS).
Għaliex hija importanti T2?
Il-BĊE għandu interess kbir f’li jiżgura li s-sistemi ta’ pagament u infrastrutturi oħra tas-suq jiffunzjonaw bla xkiel u b’mod effikaċi sabiex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro. Għalhekk T2 hija komponent ewlieni tal-integrazzjoni finanzjarja fl-UE. Tippermetti l-fluss ħieles tal-flus bejn il-pajjiżi u tgħin l-implimentazzjoni tal-politika monetarja unika tal-BĊE.
Kif taħdem T2?
L-Eurosistema hija s-sid u l-amministratur ta’ din il-pjattaforma. Fi kliem sempliċi, tiffunzjona kif ġej:
- Bank A u Bank B, it-tnejn għandhom kontijiet ma’ bank ċentrali.
- Bank A irid jagħmel pagament bl-euro lil Bank B.
- Bank A jibgħat l-istruzzjonijiet tal-ħlas lil T2.
- Il-kont ta’ Bank A jiġi debitat u l-kont ta’ Bank B jiġi kreditat – il-pagament isir.
- T2 tittrasferixxi l-informazzjoni tal-ħlas lil Bank B
Min jista’ juża T2?
Il-banek ċentrali tal-UE u l-komunitajiet nazzjonali tal-banek kummerċjali. Iżjed minn 1,000 bank jużaw T2 biex jagħmlu tranżazzjonijiet bl-euro f’isimhom jew f’isem il-klijenti tagħhom. Jekk wieħed iqis il-fergħat u s-sussidjarji, iżjed minn 40,000 bank fid-dinja (u l-klijenti kollha tagħhom) jistgħu jintlaħqu permezz ta’ T2.
ARA WKOLL