Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
  • 16 ta’ Lulju 2020

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

Fil-laqgħa tal-lum il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ħa d-deċiżjonijiet li ġejjin dwar il-politika monetarja:

(1) Ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità ta’ self marġinali u l-faċilità ta’ depożitu se jibqgħu l-istess, jiġifieri ta’ 0.00%, 0.25% u -0.50% rispettivament. Il-Kunsill Governattiv jistenna li r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE jibqgħu fil-livelli preżenti tagħhom jew iktar baxxi sakemm jara li l-prospetti tal-inflazzjoni jikkonverġu b’mod qawwi għal livell qrib biżżejjed, iżda taħt, 2% fl-orizzont tal-projezzjoni tiegħu, u tali konverġenza ġiet riflessa b’mod konsistenti fid-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti.

(2) Il-Kunsill Governattiv ser ikompli bix-xiri tiegħu taħt il-programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP) b’pakkett totali ta’ €1,350 biljun. Dan ix-xiri jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-pożizzjoni ġenerali tal-politika monetarja u b’hekk jgħin biex tiġi kkumpensata l-bidla ’l isfel relatata mal-pandemija fit-triq tal-inflazzjoni mbassra. Ix-xiri se jkompli jitwettaq b’mod flessibbli maż-żmien, fil-klassijiet kollha ta’ assi u fost il-ġurisdizzjonijiet. Dan jippermetti lill-Kunsill Governattiv biex jilqa’ b’mod effettiv għar-riskji għat-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv ser jagħmel xiri ta’ assi nett taħt il-PEPP sa mill-inqas l-aħħar ta’ Ġunju 2021 u, fi kwalunkwe każ, sakemm iqis li l-fażi tal-kriżi tal-koronavirus intemmet. Il-Kunsill Governattiv ser jinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP sa mill-inqas l-aħħar tal-2022. Fi kwalunkwe każ, it-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP ser tkun amministrata biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.

(3) Ix-xiri nett taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi (APP) se jkompli b’pass ta’ kull xahar ta’ €20 biljun, flimkien max-xiri taħt il-pakkett temporanju addizzjonali ta’ €120 biljun sa l-aħħar tas-sena. Il-Kunsill Governattiv ikompli jistenna li x-xiri nett ta’ assi taħt l-APP jibqa’ għaddej sakemm ikun meħtieġ biex isaħħaħ l-impatt ta’ akkomodament tar-rati ta’ politika tiegħu, u jintemm ftit qabel jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE. Il-Kunsill Governattiv fiħsiebu jkompli jinvesti mill-ġdid, għalkollox, il-ħlasijiet prinċipali minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt l-APP għal perjodu estiż ta’ żmien wara d-data meta jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu l-kundizzjonijiet favorevoli ta’ likwidità u grad wiesa’ ta’ akkomodament monetarju.

(4) Il-Kunsill Governattiv se jkompli jipprovdi wkoll likwidità wiesgħa permezz tal-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tiegħu. B’mod partikolari, l-aħħar operazzjoni fit-tielet sensiela ta’ operazzjonijiet immirati ta' rifinanzjament fuq żmien itwal (TLTRO III) irreġistrat adozzjoni għolja ħafna ta’ fondi, li tappoġġa s-self bankarju lill-impriżi u l-unitajiet domestiċi.

Il-Kunsill Governattiv ikompli jkun lest biex jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu, kif ikun xieraq, biex jiżgura li l-inflazzjoni timxi lejn l-għan tiegħu b’mod sostnut, f’konformità mal-impenn tiegħu għas-simetrija..

l-President tal-BĊE ser tikkummenta dwar il-kunsiderazzjonijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet waqt konferenza stampa li tibda fis-14:30 CET illum.

Għall-kliem eżatt miftieħem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja