EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32019D0028(01)

Deċiżjoni (UE) 2019/1558 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta' Settembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 dwar it-tielet serje ta' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament għal żmien itwal (BĊE/2019/28)

ĠU L 238, 16.9.2019, p. 2–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1558/oj

16.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 238/2


DEĊIŻJONI (UE) 2019/1558 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-12 ta' Settembru 2019

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 dwar it-tielet serje ta' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament għal żmien itwal (BĊE/2019/28)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, l-Artikolu 12.1, it-tieni inċiż tal-Artikolu 18.1 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 34.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (Linja Gwida dwar Dokumentazzjoni Ġenerali) (BĊE/2014/60) (1),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 1(4) tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60), il-Kunsill Governattiv jista', f'kull ħin, jibdel l-għodda, l-istrumenti, ir-rekwiżiti, il-kriterji u l-proċeduri għall-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema.

(2)

Fit-22 ta' Lulju 2019, fit-twettiq tal-mandat tiegħu għall-istabbiltà tal-prezzijiet u sabiex jiġu ppreżervati kundizzjonijiet ta' tislif bankarju favorevoli u biex jappoġġja l-pożizzjoni aġevolanti tal-politika monetarja fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2019/21) (2). Din id-Deċiżjoni pprovdiet għat-tielet sensiela ta' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament għal żmien itwal (TLTROs-III) li għandhom jitwettqu matul il-perijodu minn Settembru 2019 sa Marzu 2021.

(3)

Fit-12 ta' Settembru 2019, sabiex jiġu ppreżervati kundizzjonijiet ta' tislif bankarju favorevoli, tiġi żgurata t-trasmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u sabiex jingħata appoġġ ulterjuri għall-pożizzjoni aġevolenti tal-politika monetarja, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jibdel ċerti parametri ta' TLTRO-III, billi jżid il-maturità tal-operazzjonijiet kollha minn sentejn għal tliet snin, jintroduċi opzjoni ta' ħlas lura volontarju u jelimina l-firxa ta' 10 punti bażi ogħla kemm mir-rata medja għall-operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament (MROs) kif ukoll mir-rata medja fuq il-faċilità ta' depożitu, f'kull każ tul il-ħajja tat-TLTRO-III rispettiv, kif applikabbli.

(4)

Sabiex jiġu applikati dawn il-parametri aġġustati għall-ewwel TLTRO-III, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mingħajr dewmien.

(5)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 (BĊE/2019/21) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni (UE) 2019/1311 (BĊE/2019/21) hija emendata kif ġej:

1.

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Kull TLTRO-III għandu jimmatura tliet snin wara d-data ta' saldu rispettiva, f'ġurnata li tikkoinċidi mad-data ta' saldu ta' operazzjoni ta' rifinanzjament ewlenija tal-Eurosistema, skont il-kalendarju indikattiv għat- TLTROs-III ippubblikat fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.”

2.

L-Artikolu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 5

Imgħax

1.   Bla ħsara għall-paragrafu 2, ir-rata ta' imgħax applikabbli għall-ammont meħud b'self taħt kull TLTRO-III għandha tkun ir-rata medja fuq l-operazzjoni ewlenija ta' rifinanzjament għat-tul tal-ħajja tat-TLTRO-III rispettiv.

2.   Ir-rata tal-imgħax applikabbli għall-ammonti meħuda b'self mill-parteċipanti li s-self nett eliġibbli fit-tieni perijodu ta' referenza jaqbeż il-punt ta' riferiment ta' tislif nett għandu jkun inqas mir-rata speċifikata fl-ewwel paragrafu u jista' jkun baxx daqs ir-rata medja fuq il-faċilità ta' depożitu għat-tul tal-ħajja tat-TLTRO-III rispettiv, skont id-devjazzjoni mill-punt ta' riferiment tal-ammont pendenti. Id-dispożizzjonijiet dettaljati u l-kalkoli huma mfissra fl-Anness I. Ir-rata tal-imgħax għandha tiġi kkomunikata lill-parteċipanti qabel l-ewwel data ta' ħlas lura bikri f'Settembru 2021 skont il-kalendarju indikattiv għal TLTROs-III ippubblikat fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.

3.   Id-devjazzjoni mill-ammont pendenti tal-punt ta' riferiment, l-aġġustament riżultanti tal-inċentiv tar-rata tal-imgħax, jekk ikun hemm, u r-rati tal-imgħax finali għandhom jiġu kkomunikati lill-parteċipanti skont il-kalendarju indikattiv għat-TLTROs-III ippubblikat fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.

4.   L-imgħax għandu jiġi saldat bl-arretrati mal-maturità ta' kull TLTRO-III, jew mal-ħlas lura bikri kif ipprovdut fl-Artikolu 5a, skont kif applikabbli.

5.   Jekk, minħabba l-eżerċitar ta' rimedji disponibbli għal BĊN skont l-arranġamenti kuntrattwali jew regolatorji tiegħu, parteċipant ikun meħtieġ li jħallas lura l-ammonti pendenti tat-TLTRO-III qabel ma tiġi kkomunikata d-devjazzjoni mill-punt ta' riferiment tal-ammont pendenti u l-aġġustament tal-inċentiv tar-rata tal-imgħax riżultanti, jekk ikun hemm, lil dak il-parteċipant, ir-rata tal-imgħax applikabbli għall-ammonti mislufin minn dak il-parteċipant taħt kull TLTRO-III għandha tkun ir-rata medja fuq l-operazzjoni ewlenija ta' rifinanzjament għat-tul tal-ħajja tat-TLTRO-III rispettiv sad-data fuq liema kien jenħtieġ li jsir il-ħlas lura mill-BĊN. Jekk dak il-ħlas lura jkun meħtieġ wara d-devjazzjoni mill-punt ta' riferiment tal-ammont pendenti u l-aġġustament tal-inċentiv tar-rata tal-imgħax riżultanti, jekk ikun hemm, ikunu ġew ikkomunikati lill-parteċipant, ir-rata tal-imgħax applikabbli għall-ammonti meħuda b'self minn dak il-parteċipant taħt kull TLTRO-III għandha tiġi ffissata wara li titqies id-devjazzjoni mill-punt ta' riferiment tal-ammont pendenti.”;

3.

għandu jiddaħħal l-Article 5a li ġej:

“Artikolu 5a

Ħlas lura bikri

1.   B'bidu minn 24 xahar wara s-saldu ta' kull TLTRO-III, il-parteċipanti għandhom, fuq bażi trimestrali, ikollhom l-għażla li jtemmu jew inaqqsu l-ammont tat-TLTRO-III kkonċernat qabel il-maturità.

2.   Id-dati ta' ħlas lura bikri għandhom jikkoinċidu mad-data ta' saldu ta' operazzjoni ewlenija ta' rifinanzjament tal-Eurosistema, kif speċifikat mill-Eurosistema.

3.   Sabiex jibbenefika mill-proċedura ta' ħlas lura bikri, parteċipant għandu jinnotifika lill-BĊN relevanti li biħsiebu jħallas lura bil-proċedura ta' ħlas lura bikri fid-data ta' ħlas lura bikri, tal-inqas ġimgħa qabel dik id-data ta' ħlas lura bikri.

4.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 3 għandha ssir vinkolanti fuq il-parteċipant kkonċernat ġimgħa qabel id-data ta' ħlas lura bikri li tirreferi għaliha. Nuqqas min-naħa tal-parteċipant li jħallas, bis-sħiħ jew b'mod parzjali, l-ammont dovut skont il-proċedura ta' ħlas lura bikri sad-data ta' ħlas lura jista' jirriżulta fl-impożizzjoni ta' penali finanzjarja. Il-penali finanzjarja applikabbli għandha tiġi kkalkulata skont l-Anness VII tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) u għandha tikkorrispondi mal-penali finanzjarja applikata għal nuqqasijiet ta' konformità mal-obbligi biex jiġi kkollateralizzat b'mod adegwat u saldat l-ammont li l-kontroparti tkun ġiet assenjata fir-rigward ta' tranżazzjonijiet lura għal għanijiet ta' politika monetarja. L-impożizzjoni ta' penali finanzjarja għandha tkun mingħajr ħsara għad-dritt tal-BĊN li jeżerċita r-rimedji stabbiliti għal jew meta jseħħ każ ta' inadempjenza kif stabbilit fl-Artikolu 166 tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60).”;

4.

fl-Artikolu 7(1), il-punti (b), (c), (d) u (e) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“(b)

Jekk parteċipant jonqos milli jpoġġi għad-dispożizzjoni tal-BĊN relevanti r-riżultati tal-valutazzjoni tal-awditur tal-ewwel rapport sal-iskadenza relevanti speċifikata fil-kalendarju indikattiv għat-TLTROs-III ippubblikat fuq is-sit elettroniku tal-BĊE, il-parteċipant għandu jħallas lura l-ammonti kollha pendenti meħuda b'self taħt it-TLTRO-III fid-data ta' saldu tal-operazzjoni ewlenija ta' rifinanzjament li jmiss bir-rata medja fuq l-operazzjoni ewlenija ta' rifinanzjament matul il-ħajja ta' kull TLTRO-III rispettiv.

(c)

Jekk parteċipant jonqos milli jpoġġi għad-dispożizzjoni tal-BĊN relevanti t-tieni rapport sal-iskadenza relevanti, ir-rata medja fuq l-operazzjoni ewlenija ta' rifinanzjament matul il-ħajja ta' kull TLTRO-III rispettiv għandha tapplika għall-ammonti meħuda b'self minn dak il-parteċipant taħt it-TLTROs-III flimkien ma' penali addizjonali ta' EUR 500 kuljum sakemm jintbagħat it-tieni rapport, iżda sa massimu ta' EUR 15 000. Il-penali għandhom jakkumulaw u jintalab il-ħlas tagħhom malli l-BĊN relevanti jirċievi t-tieni rapport jew meta l-penali massima tkun intlaħqet jekk it-tieni rapport ikun għadu ma ġiex riċevut sa dak il-punt.

(d)

Jekk parteċipant jonqos milli jpoġġi għad-dispożizzjoni tal-BĊN relevanti r-riżultati tal-evalwazzjoni tal-awditur tat-tieni rapport sal-iskadenza relevanti, ir-rata medja fuq l-operazzjoni ewlenija ta' rifinanzjament matul il-ħajja ta' kull TLTRO-III rispettiv għandha tapplika għall-ammonti meħuda b'self minn dak il-parteċipant taħt it-TLTROs-III.

(e)

Jekk parteċipant jonqos milli b'mod ieħor jikkonforma mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 6(6) jew (7), ir-rata medja fuq l-operazzjoni ewlenija ta' rifinanzjament matul il-ħajja ta' kull TLTRO-III rispettiv għandha tapplika għall-ammonti meħuda b'self minn dak il-parteċipant taħt it-TLTROs-III.”;

5.

fl-Anness I, Taqsima 3, it-tielet paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“EX ser jitqarreb sal-eqreb 15-il pożizzjoni deċimali. Fejn OAB huwa żero, EX jitqies daqs 2,5.”

6.

fl-Anness I, Taqsima 3, is-sitt paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Fejn l-aġġustament tal-inċentiv tar-rata tal-imgħax, imkejjel bħala proporzjon tal-kuritur medju bejn ir-rata tal-imgħax massima possibbli (Formula) u rata tal-imgħax minima possibbli (Formula), tkun indikata iri; fejn ir-rata tal-imgħax li se tiġi applikata għat-TLTRO-III k, espressa bħala rata perċentwali annwali, tiġi indikata rk ; iri u rk huma stabbiliti kif ġej:

a)

Jekk parteċipant ma jaqbiżx il-punt ta' riferiment tal-ammont pendenti tiegħu ta' selfiet eliġibbli fil-31 ta' Marzu 2021, ir-rata tal-imgħax li għandha tiġi applikata lill-ammonti kollha meħuda b'self mill-parteċipant taħt it-TLTROs-III hija r-rata medja tal-MRO għat-tul tal-ħajja tat-TLTRO-III rispettiv, jiġifieri:

jekk EX ≤ 0, mela iri = 0 % uFormula

b)

Jekk parteċipant jaqbeż il-punt ta' riferiment tal-ammont pendenti tiegħu ta' selfiet eliġibbli b'mill-inqas 2,5 % fil-31 ta' Marzu 2021, ir-rata tal-imgħax li għandha tiġi applikata lill-ammonti kollha meħuda b'self mill-parteċipant taħt it-TLTROs-III hija daqs ir-rata tal-imgħax medja fuq il-faċilità ta' depożitu prevalenti għat-tul tal-ħajja tat-TLTRO-III rispettiv, jiġifieri:

jekk EX ≥ 2,5, mela iri = 100 % uFormula

c)

Jekk parteċipant jaqbeż il-punt ta' riferiment tal-ammont pendenti tiegħu ta' selfiet eliġibbli imma b'inqas minn 2,5 % fil-31 ta' Marzu 2021, ir-rata tal-imgħax li għandha tiġi applikata lill-ammonti kollha meħuda b'self mill-parteċipant taħt it-TLTROs-III hija ggradata b'mod lineari skont il-perċentwali li biha l-parteċipant jaqbeż il-punt ta' riferiment tal-ammonti pendenti tas-selfiet eliġibbli, jiġifieri:

if 0 < EX < 2,5, melaFormula u Formula

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-16 ta' Settembru 2019.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-12 ta' Settembru 2019.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).

(2)  Deċiżjoni (UE) 2019/1311 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta' Lulju 2019 dwar it-tielet serje ta' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament għal żmien itwal (BĊE/2019/21) (ĠU L 204, 2.8.2019, p. 100).


Fuq