Għaliex it-tibdil fil-klima huwa importanti għall-BĊE?
It-tibdil fil-klima huwa importanti għalina fil-BĊE minħabba li jaffettwa:
- l-ekonomija, u min-naħa l-oħra l-għan tagħna li nżommu l-prezzijiet stabbli;
- il-banek li nissorveljaw u r-rwol tagħna biex inżommuhom sikuri u sodi;
- l-espożizzjoni tagħna stess għar-riskju.
It-tibdil fil-klima kif jaffettwa l-ekonomija tagħna?
It-tibdil fil-klima jġib żewġ tipi ta’ riskji għall-ekonomija tagħna: riskji fiżiċi u ta’ tranżizzjoni.
X’inhuma r-riskji fiżiċi?
Ir-riskji fiżiċi huma riskji li jirriżultaw mit-tibdil fit-temp u fil-klima li jħallu impatt fuq l-ekonomiji. Pereżempju, maltempati jew għargħar jistgħu jagħmlu ħsara lid-djar u lit-toroq jew jeqirdu l-għelejjel. Minħabba t-tibdil fil-klima, avvenimenti bħal dawn saru aktar frekwenti u severi f’dawn l-aħħar deċennji u l-impatt ekonomiku tagħhom qed jikber.
Il-bidliet fit-tul, bħat-tibdil fix-xejriet tax-xita u ż-żieda fit-temperaturi, jistgħu wkoll ifixklu l-industriji u l-agrikoltura. Mingħajr azzjoni biex dawn il-bidliet jonqsu, l-effetti tagħhom se jmorru aktar għall-agħar.
X’inhuma r-riskji ta’ tranżizzjoni?
It-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju huwa kruċjali biex jitnaqqsu u biex jiġu evitati l-agħar effetti tat-tibdil fil-klima. Din hija r-raġuni għala l-UE impenjat ruħha għal ekonomija żero netta sal-2050. Biex nilħqu dan l-għan, jeħtieġ li nagħmlu l-attivitajiet ekonomiċi kollha tagħna aktar ekoloġiċi, inkluż kif nipproduċu prodotti u kif nipprovdu servizzi, kif nivvjaġġaw u kif nitimgħu lilna nfusna. Il-bidla lejn ekonomija aktar ekoloġika tista’ toffri opportunitajiet sinfikanti, bħal impjiegi ġodda u ambjent aktar b’saħħtu.
Iżda din il-bidla ġġib magħha wkoll riskji, b’mod partikolari jekk il-politiki li jinkoraġġixxu attivitajiet aktar sostenibbli jiġu implimentati malajr wisq, u l-kumpaniji u n-nies ma jkollhomx biżżejjed żmien biex jadattaw. Id-ditti jistgħu jfallu, in-nies jistgħu jitilfu l-impjieg tagħhom u l-valur tal-assi finanzjarji jista’ jonqos. Dawn l-iżviluppi jistgħu jiġu kkawżati minn regolamenti ġodda, tibdil fil-preferenzi tal-konsumaturi u innovazzjonijiet teknoloġiċi li jagħmlu l-prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent obsoleti. Dawn huma magħrufa bħala “riskji ta’ tranżizzjoni”.
Allura dan għaliex huwa importanti għall-BĊE?
Fil-BĊE, għandna interess kbir li nindirizzaw ir-riskji relatati mal-klima fi ħdan il-mandat tagħna. It-tibdil fil-klima jaffettwa kif inżommu l-prezzijiet stabbli, kif nissorveljaw il-banek u kif nimmaniġġaw l-iskoperturi tagħna stess għar-riskji klimatiċi.
It-tibdil fil-klima kif jaffettwa l-prezzijiet?
It-tibdil fil-klima jaffettwa l-ekonomija u għalhekk jaffettwa wkoll il-prezzijiet. Pereżempju, in-nixfiet u n-nirien fil-foresti jistgħu jeqirdu l-ħsad, filwaqt li l-għargħar u l-livelli baxxi tal-ilma jistgħu jfixklu s-sistemi tat-trasport u l-ktajjen tal-provvista, bi spiża għolja għall-kumpaniji. Avvenimenti bħal dawn jista’ jkollhom ukoll effetti indiretti fuq is-swieq finanzjarji, u l-instabbiltà tista’ tinfirex b’riżultat ta’ dan. Dan kollu jista’ jkollu impatt fuq il-prezzijiet u għalhekk fuq il-kapaċità tagħna li nżommuhom stabbli.
Il-politiki li jinkoraġġixxu attivitajiet aktar ekoloġiċi jistgħu jaffettwaw ukoll kemm jiswew l-affarijiet. Pereżempju, is-sussidji għall-investimenti fl-enerġija ekoloġika jew it-taxxi fuq il-faħam, iż-żejt u l-gass jista’ jkollhom impatt fuq l-ekonomija u l-prezzijiet.
It-tibdil fil-klima kif jaffettwa lill-banek li nissorveljaw?
Wieħed mill-kompiti ewlenin ta’ bank huwa li jipprovdi self lill-klijenti tiegħu, inklużi l-kumpaniji. Jekk waħda minn dawk il-kumpaniji tintlaqat minn għargħar, tista’ ssib ruħha fi problemi finanzjarji u jista' jkun li ma tkunx tista’ tħallas lura s-self tagħha. Dan ikollu wkoll effett negattiv fuq il-bank.
Din hija r-raġuni għala irridu niżguraw li l-banek ikunu konxji tar-riskji tagħhom relatati mal-klima, bħal espożizzjoni għolja għal setturi b’użu intensiv ta’ karbonju jew klijenti li jinsabu f’żoni li x’aktarx jintlaqtu mit-tibdil fil-klima. Aħna nitolbu lill-banek iqisu dawn ir-riskji fl-istrateġija, fil-governanza u fil-ġestjoni tar-riskju tagħhom.
Kif jaffettwa l-karta tal-bilanċ tagħna t-tibdil fil-klima?
Jeħtieġ ukoll li nikkunsidraw l-esponiment tagħna stess għar-riskji relatati mal-klima. It-tibdil fil-klima jista’ jaffettwa l-assi li nżommu u l-kollateral li naċċettaw bħala sigurtà meta nsellfu lill-banek. Għalhekk jeħtieġ li nimmaniġġaw dawn ir-riskji kif suppost u naħdmu biex innaqqsuhom.
X'azzjoni qed jieħu l-BĊE?
M’aħniex l-atturi ewlenin fil-bidla lejn ekonomija aktar ekoloġika. Il-gvernijiet u l-parlamenti jinsabu fuq quddiem, iżda aħna impenjati li nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, fi ħdan il-mandat tagħna.
Aħna nqisu l-implikazzjonijiet tat-tibdil fil-klima kif ukoll id-degradazzjoni tan-natura għall-politika monetarja tagħna u għamilna dawn ir-riskji relatati mal-klima u man-natura prijorità ewlenija fir-rwol tagħna bħala superviżur bankarju. Qed intejbu l-mudelli tagħna, il-kwalità tad-data li nużaw u l-mod kif nimmaniġġaw ir-riskji tagħna stess.
Irridu nrawmu bidliet usa’ fl-imġiba. Ir-regoli tagħna jistgħu jħeġġu lill-banek biex ikunu aktar konxji tar-riskji klimatiċi relatati mal-assi li għandhom u biex jiddivulgaw dawn ir-riskji b’mod konsistenti u miftuħ. Jekk il-banek u l-kumpaniji jkunu aktar konxji tar-riskji relatati mal-klima u aktar trasparenti dwar l-effetti tagħhom, kulħadd jista’ jqishom kif xieraq meta jipprezza l-assi. Qed naqsmu wkoll l-għarfien espert tagħna u t-tagħlimiet li kellna biex inħeġġu lill-oħrajn jagħmlu l-parti tagħhom fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-BĊE